Roderick Camilleri ta’ 44 sena minn Birżebbuġa u Darren Dimech ta’ 46 sena mill-Fgura, inżammu arrestati wara li tressqu l-Qorti mixlija bi traffikar u importazzjoni ta’ 146kilogramma droga kokaina, b’valur fit-triq ta’ madwar €20 miljun.
F’awla numru 7, bl-imputati u l-qraba tagħhom jibku, ġie spjegat li l-akkużati ġew arrestati mill-Pulizija wara operazzjoni suċċess fil-Port Ħieles.
L-imputati wieġbu mhux ħatja għall-akkużi miġjuba kontrihom.
Fi stqarrija maħriġa mill-Pulizija, intqal li, waqt spezzjonijiet li l-Pulizija kienet qed tagħmel fil-Port Ħieles, bl-assistenza tal-uffiċjali tas-sigurtà tal-post, twaqqaf trailer, li kien ħiereġ mill-Port Ħieles għall-ħabta tas-sagħtejn neqsin għoxrin ta’ waranofsinhar.
Wara spezzjoni, li saret fil-kabina, instabu 105 kilogrammi tad-droga moħbijin wara s-seats tax-xufier u l-passiġġier. Aktar tfittxijiet fil-kontejner wasslu għas-sejba ta’ 41 kilogramma oħra ta’ kokaina.
Jidher li d-droga, li oriġinat mill-Ekwador, kienet destinata biex tinbiegħ fis-suq lokali.
F’dan l-istadju l-ebda miż-żewġ akkużati ma talab għall-ħelsien mill-arrest u għalhekk, il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Claire Stafrace Zammit, żammet lill-imputati arrestati.
Il-Posekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Mark Mercieca, John Leigh Howard u Francesco Mizzi flimkien mal-Avukat Maria Francesca Spiteri f’isem l-Avukat Ġenerali.
Għal Camilleri dehru l-Avukati Jason Azzopardi, Kris Busietta u Alessandro Farrugia waqt li għal Dimech deher l-Avukat George Anton Buttigieg.
AQRA AKTAR: