Żewġ żgħażagħ Niġerjani baqgħu jinżammu arrestati wara li wieġbu mhux ħajta li kkaġunaw ġrieħi gravi lil xulxin fl-argument imdemmi fi Triq Annetto Caruana biswit il-Knisja tal-Qawra nhar il-Ħadd għall-ħabta tas-sitta neqsin kwart ta’ filgħaxija.
Kawża ta’ dan l-argument, iż-żewġ żgħażagħ Niġerjani, Stanley Ebende ta’ seba’ u għoxrin sena u Desmond Sylvester ta’ erba’ u għoxrin sena, ittieħdu l-Isptar Mater Dei fejn aktar tard ġew iċċertifikati li t-tnejn li huma kienu qed isofru minn ġrieħi gravi.
It-tnejn, li wkoll ġew mixlija li kkaġunaw ħsarat fuq vettura, tressqu quddiem il-Maġistrat Abigail Critien separatament.
Il-Prosekuzzjoni, immexxija mill-Ispettur Clayton Camilleri u Andrew Agius Bonello, spjegaw li Sylvester instab f’għadira demm u fuqu kien hemm ukoll Stanley li ġie arrestat, imma ttieħed l-isptar wara li sofra ġrieħi f’moħħu u f’idu. Kawża ta’ hekk, il-Maġistrat tal-għassa Kevin Azzopardi ħareġ mandat ta’ arrest fil-konfront ta’ Desmond Sylvester.
Hawn il-Prosekuzzjoni kompliet tispjega li minħabba l-fatt li Desmond Sylvester kien operat, minħabba l-ġrieħi serji li kellu, hu ġie arrestat aktar kmieni dalgħodu malli nħareġ mill-Isptar.
Permezz tal-avukat tal-għajnuna legali, Desmond Sylvester talab il-ħelsien mill-arrest, fejn stqarr li f’dan il-każ hu l-vittma. Min-naħa tagħha, il-Prosekuzzjoni oġġezzjonat minħabba l-fatt li Sylvester kien ilu biss xahrejn f’pajjiżna. Wara li semgħet is-sottomissjonijiet kollha, il-Maġistrat ma laqgħetx it-talba għall-ħelsien mill-arrest minħabba n-natura ta’ dan il-każ u anke minħabba l-fatt li l-akkużat jaf jitlaq minn Malta.
Anke Stanley Ebende, permezz tal-avukat tal-għajnuna legali tiegħu, talab għall-ħelsien, liema talba ġiet oġġezzjonata mill-Prosekuzzjoni minħabba l-fatt li Ebende jaf jaħrab mill-pajjiż.