Żewġ irġiel tressqu l-Qorti mixlija b’ pussess aggravat ta’ kannabis wara li ħidma mill-membri tar-Rapid Intervention Unit assistiti mill-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga, ilbieraħ filgħaxija wasslet għall-arrest ta’ erba’ rġiel, li l-eta’ tagħhom tvarja bejn 20 u 35 sena.
Nasir Fuqule Warsame, ta’ 21 sena, mis-Somalia u Yemane Teklom Zerislase, ta’ 26 sena, mill- Eritrea tresqu quddiem il-Maġistrat Gabriella Vella f’każi separati.L-Ispettur Justine Grech, spjegat kif iż-żewg irġiel twaqqfu mill-Pulizija u nstabu fil-pussess ta’ sustanza suspettata raża tal-kannabis u pjanta tal-kannabis jew parti minnha.
Allegatament Warsame kellu fuqu ħames biċċiet ta’ reżina tal-kannabis u prova jaħbi sbatax-il gramma kokaina kif ukoll miżien.
Skont il-Prosekuzjoni Zerislase instab viċin it-Tiger Bar fil-Marsa fil-pussess ta’ tlettax-il biċċa suspettata raża tal-kannabis filwaqt li nnutat li l-karta tal-identità tiegħu kienet turi li joqgħod Ħal Far filwaqt li hu stess ammenta li kien joqgħod post ieħor.
Zerislase, li qal lil Qorti li joqgħod f’garaxx fir-Rabat, kien ukoll akkużat li wettaq offiża fil-perjodu ta’ sentenza sospiża għall-attentat vjolenti kontra l-pudur u serq.
Il-Qorti ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest.