Żewġ kuġini Sirjani ta’ 26 sena u 23 sena li jgħixu flimkien fil-Ħamrun, baqgħu jinżammu arrestati wara li allegatament wettqu xi serq kif ukoll ikkaġunaw feriti gravi fuq żagħżugħ ieħor waqt ġlieda fil-Ħamrun.
Intqal kif jumen ilu għall-ħabta tal-11:00 ta’ billejl, il-pulizija rċeviet telefonata li kienet qed isseħħ ġlieda.
Mal-wasla tagħhom fuq il-post sabu lill-persuni involuti fil-ġlieda fejn sar magħruf li nsterqu żewġ mobiles mill-allegat vittma.
L-Avukat Difensur qal li din il-ġlieda seħħet b’rabta ma’ ritratt ta’ tfajla fejn wieħed mill-akkużati spiċċa b’daqqa ta’ sikkina f’dahru minn ħabib tal-allegat vittma.
Quddiem il-Qorti, l-imputati wieġbu mhux ħatja għall-akkużi miġjuba kontrihom u talbu għall-ħelsien mill-arrest iżda din it-talba ma ġietx aċċettata minħabba n-natura gravi tar-reat ta’ serq kif ukoll li l-akkużati kienu jafu lill-vittma.