Żewġt irġiel iwieġbu mhux ħatja talli pparteċipaw f’rewwixta u taw in-nar lil tinda nhar it-12 ta’ Diċembru.
Guma Mohammed li għandu 30 sena u Yousef Halef Abdel Hamid li għandu 26 sena mill-Eġittu kienu akkużati wkoll li kkawżaw ħsara lill-propjetà tal-istat filwaqt li m’obdewx l-ordnijiet tal-pulizija bil-konsegwenza li kisru l-paċi pubblika.
L-Eġizzjani kienu fost 11 –il persuna oħra li kienu arrestati wara r-rewwixta.
Fi proċeduri inizzjali, l-ispettur Roderick Attard akkuża lill-imputati li weġġgħu kuntistabbli tal-pulizija f’rasu b’oġġett tal-metall però din l-akkuża tneħħiet.
L-avukat tal-għajnuna legali Raisa Colombo ma saqsietx għall-ħelsien mill-arrest hekk kif l-akkużati m’għandhomx xogħol u huma residenti fiċ-ċentru ta’ detenzjoni.
Għalhekk, il-Maġistrat Caroline Frendo Farrugia ordnat li ż-żewġt irġiel jinżammu arrestati.