Peter Tupta ta’ disgħa u erbgħin sena, Anton Triscik ta’ sebgħa u erbgħin sena u Adam Mazurkovic ta’ tnejn u għoxrin sena mill-iSlovakkja wieġbu mhux ħatja wara li ttellgħu l-Qorti mixlija li ssekwestraw raġel Slovakk u żammewh kontra l-volontà tiegħu għal tul ta’ ħin.
Huma ġew akkużati wkoll li serqu minn persuna, talli kkawżaw biża’ fuq il-vittma, talli tefgħu l-ħajja ta’ persuna fil-periklu u talli insulentaw persuna fost oħrajn.
Fil-Qorti l-ispettur Jessica Bezzina spjegat li nhar il-Ħamis 28 ta’ Jannar daħal rapport li kien hemm argument f’Tas-Sliema ħdejn stabbiliment magħruf.
Kompliet tirrakkonta li meta l-pulizija waslet fuq il-post, sabu erbat irġiel ta’ nazzjonalità Slovakka u l-pulizija nnutaw ukoll li wieħed minnhom kien fi stat ta’ xokk.
Jidher li dan tal-aħħar, l-allegat vittma, beda jgħajjat għall-ajjut u jgħid li t-tliet akkużati serquh sakemm dawk li kienu fil-viċinanzi tal-istabbiliment ċemplu għall-għajnuna tal-pulizija.
L-ispettur Bezzina qalet li meta kien mitkellem l-allegat vittma, stqarr li ġurnata qabel fil-jum tal-Erbgħa, il-mixlija żammewh miżmum kontra l-volontà tiegħu wara li sabuh fil-Mellieħa, għamlulu jdejh wara dahru, marru dawra bil-karozza tal-vittma stess sakemm imbagħad biddlu l-karozza għal waħda tal-kiri.
L-ispettur kompliet tgħid li l-allegat vittma ttieħed lejn l-Aħrax tal-Mellieħa fejn l-akkużati allegatament rabtuh ma’ siġra u neżżgħuh għarwien u bdew ituh fix-xita.
Wara xi ħin, it-tliet agressuri ħallew lill-vittma, reġgħu daħlu fil-karozza u ħaduh f’lukanda f’Tas-Sliema, fejn żammewh kontra l-volontà tiegħu matul il-lejl u l-vittma rnexxielu jaħrab minnhom biex isejjaħ għall-għajnuna waqt li kien se jittieħed f’post ieħor.
Huwa mifhum li l-akkużati allegatament ġew Malta apposta biex isibu lill-vittma hekk kif dan kien dan kellu xi dejn mat-tlett irġiel. Minkejja dan, l-imputati qalu li huma ġew vaganza f’Malta u nzertaw lill-vittma b’kumbinazzjoni.
Jidher li l-akkużati u l-vittma kellhom relazzjoni ta’ xogħol flimkien.
Fil-Qorti, l-avukatessa li qed tirrappreżenta l-akkużati ma talbitx għall-ħelsien mill-arrest u għaldaqstant baqgħu jinżammu arrestati.
Il-Maġistrat Joe Mifsud temm jgħid li Malta dejjem kienet magħrufa bħala l-pajjiż li fih in-nies jiltaqgħu biex jifhtemu fuq il-paċi u għaldaqstant saħaq li djun f’pajjiżi oħra m’għandhomx jiġu esportati lejn pajjiżna.
Skont stqarrija mibgħuta mill-pulizija, l-irġiel ġew arrestati wara investigazzjoni konġunta mill-Pulizija tad-Distretti ta’ tas-Sliema u l-Qawra u l-investigazzjonijiet wasslu wkoll biex instabet il-karozza li ntużat waqt l-att tas-sekwestru filwaqt li ġew elevati numru ta’ oġġetti tal-vittma minn fuq it-tliet persuni arrestati.