Terence Cini ta’ 36 sena minn Ħal Qormi u Kevin Mifsud ta’ 39 sena minn Ħaż Żebbuġ baqgħu jinżammu arrestati wara li tressqu l-Qorti akkużati fost l-oħrajn bi traffikar ta’ droga minn Sqallija.
Fil-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Natasha Galea Sciberras, u f’seduti separati, il-Prosekuzzjoni spjegat kif waslet għall-arrest ta’ dawn iż-żewġ imputati wara li daħlet informazzjoni kundifenzjali li hemm vann suspettuż ġej minn Sqallija.
Fi stqarrija mibgħuta qabel mill-Pulizija ġie spjegat kif l-akkużati ġew arrestati wara li allegatament inqabdu b’34 kilo droga suspettata kannabis, li l-valur tagħha jlaħħaq madwar €700,000 u kienet lesta għat-traffikar.
Il-Prosekuzzjoni qalet li l-arresti saru wara jiem ta’ osservazzjoni fuq persuni suspettati, hekk kif dawn kienu qed idaħħlu d-droga f’Malta minn Sqallija u kif id-droga kienet qed tinżamm f’garaxx f’Ħaż-Żebbuġ.
Ingħad li l-vann iddaħħal f’garaxx f’Ħaż-Żebbuġ u mill-garaxx ħarġu żewġ karozzi.
Hawnhekk intqal li malli l-Pulizija fetħet il-vann, instab baskett li fih kien hemm mat-€300,000 fi flus kontanti.
Imbagħad f’komportament falz instabet id-droga f’diversi boroż.
Fil-Qorti, anke fil-preżenza ta’ bosta qraba, l-imputati wieġbu mhux ħatja u f’dan l-istadju l-Avukati Difensuri ma talbux għall-ħelsien mill-arrest.
Cini mhux l-ewwel darba li tressaq il-Qorti mixli fuq traffikar tad-droga.