Aaron Cassar ta’ 42 sena minn Birżebbuġa u Joseph Xuereb ta’ 59 sena mill-Marsa baqgħu jinżammu arrestati wara li tressqu l-Qorti akkużati b’hold-up f’Birkirkara fit-28 ta’ Mejju li għadda.
F’din is-serqa, l-imputati, allegatament serqu mas-€60,000.
Huma dehru quddiem il-Magistrat Doreen Clarke l-Erbgha waranofsinhar.
Il-Pulizija kienet qalet kif tliet irġiel fosthom Cassar u Xuereb allegatament rabtu lill-vittma f’garaxx f’Birkirkara u ħarbu bil-flus.
Huma ġew akkużati fost oħrajn b’serq aggravat, arrest illegali u li żammu fuqhom arma waqt li wettqu l-hold-up fost oħrajn.
Dan filwaqt li ġew akkużati wkoll li kissru kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest imposti fuqhom fi proċeduri oħra.
Iż-żewġ imputati wieġbu mhux ħatja għall-akkużi miġjuba fil-konfront tagħhom.
Il-Prosekuzzjoni kienet immexxija mill-Ispetturi Lydon Zammit, Stephen Gulia u Ritienne Gauci.
L-Avukati Arthur Azzopardi, Ishmael Psaila u Jacob Magri ffurmaw id-difiża tal-imputati.