Raġel ta’ sitta u erbgħin sena u mara ta’ ħamsa u ħamsin sena baqgħu jinżammu arrestati wara li tressqu l-Qorti akkużati li serqu minn fuq raġel ta’ tlieta u erbgħin sena.
Fil-Qorti ntqal li l-każ seħħ nhar l-Erbgħa li għadda fi Ġnien il-Kunsill tal-Ewropa, il-Gżira, fejn il-vittma kien miexi fil-ġnien, meta avviċinawh iż-żewġ akkużati li waqfuh, heddewh u serqu minn fuqu.
Ħidma konġunta bejn il-Pulizija mid-Dipartiment tar-Reati Maġġuri u tar-Rapid Intervention Unit, wasslet biex f’inqas minn erbgħa u għoxrin siegħa jarrestaw waħda mill-allegat ħallelin.
Quddiem il-Maġistrat tal-Għassa Dr Nadine Lia ż-żewġ akkużati ma ammettewx l-akkużi miġjuba kontrihom.