Tliet żgħażagħ Libjani li jgħixu l-Gżira baqgħu jinżammu arrestati wara li nqabdu fil-fatt jisirqu minn villa fis-Swieqi.
Huma lkoll ġew akkużati b’serq aggravat bi vjolenza, u li m’obdewx l-ordnijiet tal-Pulizija.
Wieħed mill-imputati ġie akkużat ukoll li hedded uffiċjal tal-Pulizija, li kellu fil-pussess tiegħu mus li kien qed iġorr fil-pubbliku mingħajr permess, u li saq karozza bla liċenzja.
Libjan ieħor kien akkużat li darab ħafif uffiċjal tal-Pulizija, li saq karozza bla liċenzja, li għamel ħsara fuq proprjetà li mhix tiegħu, u li kien xurban fil-pubbliku.
L-akkużat l-ieħor, li diġà affaċċja l-ġustizzja fuq każ ta’ stupru, kien akkużat ukoll li ta informazzjoni falza lill-Pulizija u li kiser il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest fuq il-każ l-ieħor.
Fil-Qorti ingħad kif fis-sigħat bikrin tat-Tnejn, il-Pulizija daħlilhom rapport ta’ serqa fis-Swieqi, wara li wieħed mill-ġirien rahom jidħlu minn ġol-gallarija u ċempel lill-Pulizija.
L-uffiċjali li marru fuq il-post sabu karozza mixgħula, u tnejn mill-akkużati ġo fiha li ppruvaw jaħarbu iżda spiċċaw ħabtu f’karozza oħra li kienet ipparkjata.
Dak il-ħin, il-Libjan l-ieħor ħareġ mill-villa u ġie arrestat immedjatament.
It-tliet Libjani wieġbu mhux ħatja u talbu għall-ħelsien mill-arrest, iżda dan ġie miċħud minħabba l-gravità tal-akkużi, u r-riskju ta’ tbagħbis fl-evidenza.
Ara wkoll:
http://www.one.com.mt/2019/11/04/il-pulizija-tarresta-tliet-hallelin-fil-fatt-waqt-attentat-ta-serqa-minn-dar-fi-swieqi/