Tlettax -il persuna ta’ nazzjonalità Bulgara qed jinżammu taħt arrest wara li wieġbu mhux ħatja, iżda ma talbux għall-ħelsien mill-arrest.
Huma tressqu l-qorti akkużati bi krimanilità organizzata li kienet qed twassal għal każi ‘pick-pocketing’.
Il-Ħamis wara nofsinhar ġew arrestati ħamest irġiel u tmien nisa li l-età tagħhom tvarja bejn il-wieħed u għoxrin u t-tlieta tletin sena u ġie stabbilit li wħud minnhom huma koppji.
Kien ONE News li b’ mod esklussiv irraporta dan l-arrest b’ filmati. L-arrest sar f’ vann tal-kiri li kien ser iwassalhom minn lukanda f’ Tas-Sliema għall-Ajruport.
L-arrest seħħ wara jiem t’ osservazzjoni mill-Pulizija mid-Dipartiment tal-Investigazzjonijiet Kriminali, li mbagħad ġew mgħejuna mill-Pulizija tad-distrett tas-Sliema u r-Rapid Intervention Unit.
Flimkien ma’ dawn il-persuni, kien hemm ukoll erbat itfal li l-eta’ tagħhom tvarja bejn it-tlieta u s-sitt snin.
Jidher li l-persuni huma riċedivi f’diversi pajjiżi.
L-avukati Charlon Gouder u Shazoo Ghaznavi qed jidhru għall-akkużati filwaqt li l-prosekuzzjoni qed titmexxa mill-ispettur Jonathan Ransley. Il-każ qed jinstema’ mill-Maġistrat Clare Stafrace Zammit.