Alfred u George Degiorgio, u Adelina Pop se jinżammu arrestati wara li dalgħodu kompliet il-kumpilazzjoni fil-konfont tagħhom dwar allegat ħasil ta’ flus. Il-kumpilazzjoni mistennija tkompli tinstema fis-7 ta’ Settembru li ġej.
Fil-Qorti kienu ppreżentati dokumenti li juru dettalji tal-impjieg tal-imputati, iżda jidher li Adelina Pop qatt ma kienet tirreġistra għax-xogħol.
Jidher li George Degiorgio kien jirreġistra għax-xogħol sal-2008, iżda għal dawn l-aħħar snin ma kienx qed jagħmel rikjest minnu biex jibqa’ eliġibbli għar-reġistrar tax-xogħol.
Alfred Degiorgio kien impjegat fix-xatt il-Marsa bejn l-1984 u l-1986 qabel ma daħal jaħdem ma’ kumpanija oħra. Min-naħa l-oħra, Adelina Pop ilha mill-2012 reġistrata bħala self employed u qatt ma ħadet benefiċċji.
Alfred u George Degiorgio bdew jieħdu l-għajnuna soċjali mill-2002. Dan tal-aħħar kien jirċievi wkoll children’s allowance fuq tliett itfal mill-2008 sa issa. Ħuh waqaf jieħu l-għajnuna f’Settembru li għadda.
Rappreżentat tal-Kummissarju tat-Taxxi qal li Alfred Degiorgio kien iħallas it-taxxa għal xi snin iżda George Degiorgio u Adelina Pop m’humiex reġistrati għal fini ta’ taxxa.
L-avukat ta’ Adelina Pop għamel talba lill-Qorti biex tibda toħroġ mid-dar fil-05:00flok fis-07:30 biex twassal lill bintha għal lezzjonijiet tal-għawm.