Hamid Saleh, Sirjan ta’ ħamsa u erbgħin sena li jaħdem bħala kaħħal u jgħix il-Fgura, inżamm arrestat b’rabta ma’ allegat każ ta’ traffikar uman u akkużi li ħa sehem f’organizzazzjoni kriminali.
Huwa wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih.
Fil-Qorti ntqal kif fl-erbatax ta’ Settembru li għadda, daħlet dgħajsa bl-immigranti fis-sigħat bikrin ta’ filgħodu f’Dellimara.
Huwa ġie arrestat jumejn ilu.
Mill-investigazzjonijiet ħareġ li xi Sirjani kienu ħallsu ammont ta’ flus biex iġibu lill-qraba tagħhom f’Malta.
Intqal li Saleh allegatament huwa wieħed mill-organizzaturi u rċieva xi flus mill-qraba ta’ dawk li ġew bid-dgħajsa.
Intqal ukoll li dan ma kienx l-unika reat tiegħu, hekk kif wettaq reat ieħor f’Awwissu.
Id-Difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest, fuq il-bażi li l-akkużat ilu f’ pajjiżna għal numru ta’ snin, għandu lil martu u uliedu jgħixu Malta u għandu proprjetà. Barra minn hekk, intqal li għandu fedina penali netta u għaddew diversi xhur mir-reati.
Il-Prosekuzzjoni qalet li l-imputat għandu influwenza kbira fil-komunità Sirjana u jsiefer regolarment lejn l-Iran, it-Turkija u l-Libja.
Il-Prosekuzzjoni oġġezzjonat għall-ħelsien mill-arrest għax għad hemm aktar nies li jridu jixhdu u jridu jiġu arrestati aktar nies.
Ġie rrimarkat ukoll li huwa jospita bniedem li jgħix f’pajjiżna illegalment fir-residenza tiegħu.
Il-Qorti ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest.
Intant, b’rabta mal-istess każ, tressaq il-Qorti Khlef Housein, Sirjan ta’ 28 sena, li wkoll baqa’ jinżamm arrestat.
Huwa wkoll wiegeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih.
Fil-Qorti ntqal li, allegatament, ir-raġel ġabar żewġ persuni li ġew traffikati Malta illegalment, li jiġu t-tfal t’oħtu, minkejja li ma ġabarx flus għal dan.
Minkejja li l-Prosekuzzjoni u d-Difiża qablu li ammetta, il-Maġistrat Charmaine Galea qalet li l-inqas involviment f’reati li jipperikolaw is-sigurtà tal-istat huma gravi ħafna.
Id-Difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest, fuq il-bażi li kkopera mal-Pulizija.
Il-Prosekuzzjoni oġġezzjonat għal din it-talba, minkejja li ġiet innutata d-differenza bejn iż-żewġ każijiet.
Intqal ukoll kif iż-żewġ familjari tiegħu, m’għadhomx f’pajjiżna.
Il-Qorti ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest.