Marlon Baldacchino ta’ 18-il sena u Luke Vella ta’ 23 sena minn Ħaż-Żabbar wieġbu mhux ħatja wara li tressqu l-Qorti b’rabta mal-hold-up li sar f’Ħaż-Żabbar fit-13 ta’ Novembru li għadda.
Huma ġew mixlija mill-Ispetturi Fabian Fleri, Lydon Zammit u Joanna Piscopo b’kompliċità f’serq aggravat. Vella waħdu kien akkużat ukoll li kiser il-kundizzjonijiet ta’ sentenza sospiża, li kiser il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest kif ukoll li hu riċediv.
L-akkużati wieġbu mhux ħatja u nżammu arrestati.
Fil-hold-up li sar minn ħanut bl-isem ta’ ‘Crystal Palace‘, kienu ġew sparati xi tiri permezz ta’ arma tan-nar minn Marcus John Calleja. Huwa tressaq il-Qorti jumejn wara l-każ u nżamm arrestat.
F’ dan il-każ kienu nżammu erba’ persuni ostaġġi kontra r-rieda tagħhom. Fil-jum tas-serqa, tifel ta’ 10 snin ittieħed l-isptar b’urġenza biex jingħata kura minħabba li kien taħt xokk kbir.
Sorsi qrib il-Pulizija żvelaw ma’ one.com.mt li Baldacchino huwa wieħed mill-ħames akkużati li taw xebgħa lil Liam Debono nhar it-tnejn ta’ Novembru li għadda.