Jean Paul Azzopardi, ta’ 30 sena, residenti f’Bormla, u li huwa xufier tat-trailers, u Rowan Azzopardi, ta’ 26 sena, residenti l-Belt Valletta, u li jaħdem bħala delivery man, inżammu arrestati, wara li nstabu f’pussess tad-droga, li jindika, li ma kinitx għall-pussess esklussiv tagħhom.
Quddiem il-Qorti, l-imputati wieġbu mhux ħatja għall-akkużi miġjuba kontrihom, filwaqt li ma saret ebda kontestazzjoni għall-validità tal-arrest.
Huma ġew arrestati il-Ħadd, wara li nstabu fil-pussess ta’ aktar minn mitt qartas, allegatament droga kokaina.
Fil-Qorti, ntqal kif, ilbieraħ, il-Pulizija ta’ kontra d-droga, arrestat lill-imputati fi snack bar fil-Ħamrun. Dan filwaqt li nstab pouch fuq il-mejda, fejn fih instabu sachets bid-droga – kokaina, kannabis u suspettata eroina – kif ukoll flus kontanti.
Fi stqarrija mill-Pulizija, kien intqal li dawn iż-żewġ persuni, kienu qegħdin jiffrekwentaw l-akkwati ta’ Triq Manuel Magri, fil-Ħamrun, fejn allegatament kien qed isir it-traffikar tad-droga – fejn il-Pulizija, nnotat liż-żewġ suspettati jaslu fuq il-post b’karozza u mutur, filwaqt li kien hemm ukoll mandat għat-tfittxija u l-arrest.
Minn tfittxija li saret mill-Pulizija, ġew elevati xi dokumenti, kif ukoll f’residenza oħra, instabu qratas suspettati droga kokaina u eroina, kif ukoll madwar għoxrin elf ewro fi flus kontanti.
Jean Paul Azzopardi, ġie mixli wkoll li irrenda ruħu riċediv, naqas milli jħares il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest imposti mill-Qorti, kif ukoll b’reati ta’ ħasil ta’ flus. Fil-fatt, il-Qorti, ordnat l-iffriżar tal-assi tal-imputati, kif ukoll ordnat li dawn ma jistgħux jiġu ttrasferiti.
Id-difiża innotat potenzjal diskriminazzjoni, b’rabta mal-iffriżar tal-assi tal-imputati.
Id-difiża, mmexxija mill-Avukati, Josè Herrera, u Alex Scerri Herrera, għamlet talba għall-ħelsien mill-arrest – liema talba sabet l-oġġezzjoni tal-Prosekuzzjoni.
Dan hekk kif, skont il-Prosekuzzjoni, dan huwa reat li jista’ jġib miegħu saħansitra, priġunerija effettiva. Dan filwaqt li għadha ma ġietx eskluża il-possibilità ta’ organizzazzjoni kriminali, hekk kif għadhom għaddejjin l-investigazzjonijiet fuq persuni terzi.
Il-Prosekuzzjoni, tkellmet ukoll dwar il-possibilità ta’ intralċ tal-provi, kif ukoll il-fatt, li wieħed mill-imputati kiser il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest imposti fuqu.
Min-naħa tad-difiża, intqal li nstabet biss ċavetta għal appartament li mhuwiex tal-imputat, kif ukoll li l-ammont li allegatament instab fil-pussess tal-imputati huwa wieħed minimu.
Intqal ukoll kif wieħed mill-imputati huwa missier ta’ tliet itfal, u jgħix m’ommu, filwaqt li m’hemmx biżà li dawn jaħarbu mill-pajjiż – anke għall-fatt li huma Maltin.
Id-difiża, qalet ukoll kif il-kondotta ta’ wieħed mill-imputati hija pjuttost nadita.
Minkejja dan, il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Marseann Farrugia, ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest, hekk kif għadhom għaddejjin diversi investigazzjonijiet, u minħabba l-biżà ta’ intralċ tal-provi, fost l-oħrajn.