Judith Bakoush ta’ 31 sena u Morat Abdikadir Mohammed Naswan ta’ 31 sena inżammu arrestati wara li ġew akkużata li kienu qed jużaw mill-inqas żewġ postijiet fi Triq l-Isptar il-Qadim, il-Belt, sabiex fihom isir it-traffikar ta’ droga.
Huma kienu fost l-għaxar persuni li lbieraħ ġew arrestati f’operazzjoni li tmexxiet mill-Uffiċjali tar-Reati Maġġuri, bl-assistenza tal-Pulizija tad-Distrett, l-iSpecial Intervention Unit u l-Pulizija fil-Komunità tal-Belt Valletta u l-Furjana.
It-tnejn li huma wieġbu mhux ħatja għal akkużi fil-konfront tagħha.
Il-Prosekuzzjoni spjegat li l-pulizija kienet ilha tirċivi diversi ilmenti li kien qed isir traffikar ta’ droga f’residenza fit-Triq l-Isptar il-Qadim.
Il-Prosekuzzjoni spjegat ukoll li waqt ir-rejd tal-bieraħ ġew arrestati ukoll ħames persuni li kienu fuq il-post li kienu għadhom kif ħarġu minn waħda dawn ir-residenzi. Kompliet tgħid li fir-residenzi instabu 20 qratas tal-kokaina li kienu lesti biex jiġu traffikati, filwaqt li nstabu ukoll ammont ta’ eroina, kannabis u droga sintetika.
Il-Prosekuzzjoni qalet li minn dawn ir-residenzi ġew elevati ukoll flus kontanti u ġojjellerija.
Il-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat tal-Għassa Donatella Frendo Dimech ordnat ukoll biex l-akkużata toħroġ mill-awla, wara li għal diversi drabi dehret qed titkellem waqt li l-Prosekuzzjoni bdiet tixhed dak li nstab fir-residenzi ġewwa l-Belt Valletta.
Il-Qorti ordnat l-iffrizar tal-assi taż-żewġ akkużati.