Anthony Delia ta’ 47 sena mill-Isla, l-Isqalli Rosario Posata ta’ 32 sena residenti San Pawl il-Baħar u Giuseppe Schepis ta’ 29 sena, inżammu arrestati ċaħdu akkużi b’rabta ma’ traffikar tad-droga.
Dawn l-imputati huma tlieta minn erba’ persuni li ġew arrestati mill-Pulizija wara rejd li fih instabu wieħed u għoxrin kilo ta’ kannabis fi fridge li kienet ġo vann fil-Furjana. Il-valur fit-triq ta’ din id-droga huwa ta’ erba’ mija u għoxrin elf ewro.
Quddiem il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Rachel Montebello f’każijiet separati, l-imputati fost l-oħrajn ġew akkużati fuq importazzjoni ta’ droga u b’pussess ta’ droga li ma kinitx għall-użu tagħhom.
L-Avukati difensuri ma talbux għall-ħelsien mill-arrest tal-akkużati.
Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Ispetturi Mark Anthony Mercieca u Marshal Mallia, filwaqt li għall-akkużati dehru l-Avukati Michael Sciriha, Andy Ellul, Matthew Xuereb, Mario Mifsud, Alex Scerri Herrera u Christian Camilleri.
https://www.one.com.mt/2021/02/02/erba-persuni-arrestati-wara-sejba-ta-21-kilo-droga-kannabis/