Raġel li nqabad b’żewġ blokok ta’ reżina tal-kannabis li jammontaw għal ftit inqas minn mitejn gramma qiegħed jinżamm taħt arrestat wara li wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrieh waqt il-proċeduri kriminali.
Joseph Rizzo, bejjiegħ ta’ sitta u ħamsin sena mill-Fgura li diġa’ magħruf mal-pulizija, ġie arrestat wara tim ta’ sorveljanza tal-pulizija rawh fil-kumpanija ta’ żewġt irġiel oħra.
Uffiċjali tal-pulizija fittxew persunthom u sabu ħames blokok maħsubin reżina tal-kannabis. Rizzo kellu żewġ blokok filwaqt raġel ieħor preżenti kellu tlieta oħra.
Minkejja li tliet persuni ġew arrestati waqt ir-rejd, tnejn minnhom ingħataw il-ħelsien mill-arrest mill-pulizija sakemm jintemmu l-investigazzjonijiet.
Dan filwaqt li Joseph Rizzo fil-Qorti wieġeb mhux ħati għall-akkużi ta’ possessjoni ta’ kannabis taħt iċ-ċirkostanzi li jindikaw li l-kannabis ma kienitx għall-użu personali tiegħu filwaqt li kiser kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest ta’ każ ieħor lura fl-elfejn u erbatax.
L-ispettur tal-prosekuzzjoni Mark Anthony Mercieca spjega li d-droga fil-pussess ta’ Rizzo ammontat għal mija sitta u tmenin gramma.
L-avukat tad-difiża Franco Debono għamel talba għall-ħelsien mill-arrest u ħa spunt li kien każ ta’ possessjoni u mhux traffikar ta’ droga.
Fuq il-ksur ta’ kundizzjonijiet ta’ każ ieħor, l-avukat Debono nnota prattika li evolviet mas-snin fejn persuna qed tiġi mixlija bi ksur ta’ kundizzjoni billi tikkommetti allegat reat ieħor li l-qorti għad ma kkundannatux fuqu. Spjega li anki kieku l-qorti ssibu ħati, s-sentenza hija soġġett għall-appell.
Minkejja dan il-Qorti ppresedutha minn Gabriella Vella ma laqatx it-talba għall-ħelsien mill-arrest fid-dawl tan-natura tal-akkużi u ċ-ċirkostanzi tal-arrest. Dan filwaqt il-fatt li għad hemm persuni oħra li jridu jixhdu quddiem il-qorti fuq il-każ.