Joseph Sharfid ta’ sitta u erbgħin sena li jgħix il-Belt, inżamm arrestat wara li wieġeb mhux ħati għall-akkużi ta’ traffikar ta’ droga u ħasil ta’ flus fost l-oħrajn.
FIl-Qorti nstema’ kif nhar il-Ġimgħa li għadda, it-Taqsima ta’ Kontra d-Droga rċeviet informazzjoni kunfidenzjali li l-imputat se jkun involut fi traffikar tad-droga fl-Imsida. Għalhekk il-Pulizija bdiet tissorvelja l-imputat, fejn avviċinatu, u dan prova jaħrab minn fuq il-post. Instema’ kif huwa allegatament prova jarmi borża suspettuża u ġie arrestat fuq il-post.
Huwa mifhum li fil-borża nstabu diversi kapsoli, li jammontaw għal madwar seba’ mitt gramma ta’ sustanza suspettata kokaina. Il-Pulizija għamlu t-tfittxijiet tagħhom, fejn fuqu allegatament instabu mat-tlettax-il elf ewro fi flus kontanti, u erbatax -il elf ewro oħra fir-residenza tiegħu.
Fil-Qorti d-difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest, u sostniet li l-imputat irranġa ħajtu wara li ħareġ mill-ħabs fl-elfejn u sbatax, u anke kkopera kompletament mal-Pulizija. Intqal ukoll li l-imputat qiegħed jistenna tarbija, hekk kif is-sieħba tiegħu ilha tliet xhur tqila.
Din it-talba ġiet oġġezzjonata mill-Prosekuzzjoni, hekk kif hemm biżà serja ta’ intralċ ta’ provi, u ntqal li s-sieħba tiegħu qed tiġi investigata wkoll għal involviment f’reati finanzjarji.
Il-Qorti ċaħdet it-talba tal-ħelsien mill-arrest, hekk kif intqal li hemm biżà serja ta’ intralċ ta’ provi. Għalhekk il-Prosekuzzjoni se tagħmel dak kollu li tista’ sabiex ittella’ x-xhieda pajżana tagħha mill-aktar fis possibbli.