Raġel ta’ tmienja u tletin sena mill-Ħamrun inżamm arrestat wara li wieġeb mhux ħati li ħaraq karozza fi sbatax ta’ Marzu li għadda.
Fil-Qorti nstema’ kif il-Pulizija kienu rċevew rapport ta’ ħruq intenzjonat ta’ karozza, u mill-filmati ta’ kameras tas-sigurtà, l-imputat allegatament deher joħroġ barra minn daru, jaqbad karozza tal-linja u jasal fuq il-post fejn sar ir-reat.
Ingħad ukoll kif l-imputat ġie arrestat barra ċ-ċentru tad-detox fi Gwardamangia wara li l-Pulizija ma setgħux isibuh f’daru.
F’daru allegatament nstabu l-ħwejjeġ li intużaw fir-reat.
Id-Difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest, liema talba sabet oġġezzjoni mill-Prosekuzzjoni, hekk kif il-Qorti nnutat li l-imputat ma kienx affidabbli.