Fredrick Dalli ta’ 36 sena minn Bormla wieġeb mhux ħati meta tressaq il-Qorti akkużat li s-Sibt li għadda fil-Birgu ffastidja u beżża’ lill-eks sieħba tiegħu.
Quddiem il-Maġistrat Gabriella Vella, hu ġie akkużat ukoll li kiser ordni ta’ protezzjoni fil-konfront tal-eks sieħba tiegħu kif ukoll li saq vettura mingħajr liċenzja u saq bin-numru ta’ reġistrazzjoni mingħajr ma kien kopert b’polza tas-sigurtà.
Il-Prosekuzzjoni qalet li s-sieħba rrapurtat lill-akkużat kien qiegħed isegwi l-pass tagħha u li ssibu barra l-bieb ta’ darha.
L-avukat Mario Mifsud qal li meta assista lill-akkużat waqt l-interrogazzjoni, l-akkuża li qiegħed jaffaċja hija dik ta’ fastidju iżda fil-qorti, l-pulizija tefgħet aktar akkużi fil-konfront tiegħu.
L-avukat Mifsud qal li kienet l-eks sieħba tiegħu stess li kienet tibgħat lill-akkużat meta ssib ruħha daharha mal-ħajt.
Il-Maġistrat Gabriella Vella ma laqgħetx it-talba għall-ħelsien mill-arrest iżda għamlitha ċara li l-eks s-sieħba tal-imputat trid titla’ tixhed id-darba li jmiss.
Għall-akkużat dehru l-avukati Mario Mifsud, Marion Camilleri u Arthur Azzopardi.