Concetto Stefano Riccardo D’agostino ta’ 43 sena minn Katanja nżamm arrestat wara li fil-Qorti ammetta akkużi ta’ traffikar tad-droga.
L-Ispetturi Kevin Pulis u Anthony Scerri spjegaw kif wara jiem ta’ osservazzjoni nhar il-Ġimgħa li għadda interċettaw Fiat Panda misjuqa mill-akkużat. Wara tfittxija nstabu 20 kilogramma kannabis f’34 pakkett moħbija fil-karozza.
L-imputat wieġeb ħati tal-akkużi fil-konfront tiegħu, madanakollu l-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Simone Grech spjegat lill-imputat il-konsegwenzi li ammissjoni ġġib magħha u stiednet lill-imputat biex jirrikonsidra l-ammissjoni, bl-akkużat jikkonferma l-ħtija.
L-avukat tal-għajnuna legali Dr. Charmaine Cherret resqet talba f’isem l-akkużat sabiex l-imputat jiskonta l-piena fl-Italja, bil-Qorti twieġeb li m’għandiex kompetenza biex tiddeciedi f’dan ir-rigward.
L-akkuzat inżamm arrestat sakemm tinghata s-sentenza, bil-Qorti tirrakkomanda lid-Direttur tal-Ħabs sabiex l-imputat jingħata l-attenzjoni medika li jkollu bżonn.
Il-Qorti ordnat ukoll l-iffrizar tal-assi tal-akkużat f’Malta.