Clint Zammit ta’ 31 sena minn Ħal Qormi nżamm arrestat wara li tressaq il-Qorti akkużat li wettaq żewġ hold-ups vjolenti fi stabbilimenti fil-Gżira u Tas-Sliema, f’temp ta’ 24 siegħa fid-19 u l-20 ta’ Jannar li għadda.
Huwa kien akkużat ukoll mill-Ispetturi Fabian Fleri, Lydon Zammit u Colin Sheldon li żamm numru ta’ nies kontra r-rieda tagħhom, li ġarr strument li jaqta’ u bil-ponta, li kiser il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest fuq każ separat u li kien ricediv.
L-imputat wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba fil-konfront tiegħu filwaqt li talab ukoll għall-ħelsien mill-arrest.
Il-Prosekuzzjoni oġġezzjonat abbażi tan-natura tal-akkużi. Innotat ukoll il-fatt li l-akkużat m’għandux indirizz fiss u li kien qed jgħix f’indirizz differenti milli dak indikat lill-Pulizija meta ngħata l-ħelsien mill-arrest fuq każ separat.
Spjegat ukoll li fadal ammont ta’ xhieda pajżana x’jixhdu.
Min-naħa tiegħu l-avukat tal-għajnuna legali Dr Joe Brincat qal li l-preżunzjoni tal-innoċenza trid tinżamm fuq quddiem.
Madanakollu l-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Charmaine Galea ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest.