Niro Spagnol, ta’ 20 sena, li ma jaħdimx, u li hu residenti f’San Ġwann, inżamm arrestat, mixli b’allegat serq aggravat ta’ ġojellerija minn safe, minn residenza fi Triq Testaferrata fil-Gżira, fit-8 ta’ Diċembru.
Huwa wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih.
Fil-Qorti, il-Prosekuzzjoni qalet kif huwa ġie arrestat waqt li kien qed jaqsam it-triq – fejn fuqu nstab arloġġ ta’ valur għoli, li kien ġos-safe li nsteraq – hekk kif kien ivverifikat mill-aġent Malti.
Mis-safe, insteraq ukoll għadd ta’ ġojellerija oħra, u flus.
Fil-fatt, l-imputat uża karozza tal-kiri, sabiex allegatament iwettaq din is-serqa – liema karozza hija mgħammra b’data track – u li turi li l-karozza kienet fiż-żona, fil-ħin indikat, li fih saret is-serqa.
Intqal ukoll, li huwa kiser il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest. Dan filwaqt li fil-Qorti, ma saret ebda kontestazzjoni għall-validità tal-arrest.
Id-difiża, għamlet talba għall-ħelsien mill-arrest, liema talba sabet l-oġġezzjoni tal-Prosekuzzjoni hekk kif il-fedina penali tal-imputat mhijiex netta, huwa m’għandux impjieg, kif ukoll li kiser għadd ta’ kundizzjonijiet imposti fuqu mill-Qrati.
Fid-dawl ta’ dan, il-Qorti ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest, u huwa nżamm arrestat.