Mohamed Ali Shakshouk, Eġizzjan ta’ 34 sena wieġeb mhux ħati u ma ngħatax il-ħelsien mill-arrest wara li ttella’ l-Qorti mixli li assista numru ta’ persuni biex jiddaħħlu Malta illegalment.
Il-każ seħħ fid-19 ta’ Frar li għadda meta l-pulizija ġiet infurmata li fl-inħawi ta’ Wied iż-Żurrieq u Għar Lapsi u fuq il-post sabet grupp ta’ tmint irġiel x’aktarx immigranti.
Mill-investigazzjonijiet li saru mill-Pulizija tat-Taqsima tal-Immigrazzjoni rriżulta li l-immigranti ddaħħlu f’pajjiżna permezz ta’ speed boat mil-Libja, liema speedboat instabet abbandunata xi jiem wara.
Minn aktar stħarriġ irriżulta wkoll li l-Eġizzjan saq l-ispeed boat u kien fost it-tmint irġiel li ġew arrestati dakinhar.