Clive Micallef ta’ 38 sena nżamm arrestat wara li tressaq il-Qorti akkużat li wettaq żewġ hold-ups f’inqas minn 24 siegħa.
Il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispetturi Lydon Zammit u l-Stephen Gulia spjegat kif nhar il-25 ta’ Novembru filgħaxija, Micallef daħal f’ħanut tal-merċa fejn allegatament seraq flus kontanti u oġġetti oħrajn, wara li għedded b’sikkina lill-persuna responsabbli mill-ħanut.
L-Ispettur Lydon Zammit spjega kif minnufih skattat investigazzjoni fejn irriżulta li wara s-serqa persuna anonima segwiet lill-imputat jidħol fil-vettura tiegħu. Hemmhekk din il-persuna anonima għaddiet in-numru tal-pjanċa lill-vittma li ġiet mhedda fil-ħanut u din tatu lill-Pulizija. Propju l-għada l-Pulizija lemħet il-vettura f’Ħal Qormi u raw lill-Micallef jidħol fil-vettura. Hemmhekk huwa ġie arrestat hekk kif propju rriżulta wkoll li l-vettura kienet misruqa.
Il-Prosekuzzjoni kompliet tispjega li fl-istess ħin hija kienet qed tinvestiga serqa bl-istess karatteristiċi ta’ dik f’Ħal Qormi minn Pastizzerija f’San Ġiljan.
L-imputat talab għall-ħelsien mill-arrest u l-Prosekuzzjoni oġġezzjonat għal din it-talba hekk kif argumentat li l-każijiet ta’ serq li huwa kien involut fihom huma serji. L-ispettur Lydon Zammit irrimarka wkoll il-fedina penali kkulurita tal-imputat filwaqt li għad hemm persuni x’jixhdu.
Il-Qorti ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest.