Ilia Tusishvili ta’ 44 sena mill-Georgia nżamm arrestat wara li ġie mixli li seraq minn tmien karozzi differenti fi żmien xahrejn.
Huwa ġie mixli wkoll li waqt li beda jisraq kkawża diversi ħsarat fuq l-istess vetturi.
Il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-ispettur Michael Vella spjegat li matul Jannar u Frar li għadda l-pulizija bdiet tirċievi sensiela ta’ rapporti dwar serq minn vetturi f’San Pawl il-Baħar, fil-Gżira, San Ġiljan, Ta’ Xbiex u l-Imsida.
Il-Prosekuzzjoni kompliet tgħid li wara analizzaw filmati minn kameras tas-sigurtà li ġabbru mill-inħawi fejn allegatament okkorrew dawn l-inċidenti, setgħet tidentifika lill-akkużat u ftit ħin wara ġie arrestat.
F’kull każ, il-pulizija qalet li l-valur tal-oġġetti misruqa kien ta’ madwar elfejn ewro.
L-akkużat wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih.
L-avukat difensur ma talabx għall-ħelsien mill-arrest u għalhekk il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Rachel Montebello żammet lil Tusishvili arrestat.