Anthony Borg ta’ 35 sena li jgħix il-Marsa baqa’ jinżamm arrestat wara li ċaħad li kellu diversi tipi ta’ droga fuqu.
Hu tressaq il-Qorti s-Sibt, fejn intqal kif wara tfittxija f’daru allegatament instabu droga kannabis u methadone flimkien ma’ għaxar grammi ta’ kokaina u għaxar grammi ta’ eroina. Il-Prosekuzzjoni argumentat li l-ammont ta’ droga li nstab jindika li din ma kinitx għall-użu personali tal-akkużat.
Id-Difiża nnutat li l-akkużat għandu storja twila ta’ abbuż mis-sustanzi, iżda l-Prosekuzzjoni oġġezzjonat għat-talba tal-ħelsien mill-arrest minħabba li għad hemm min irid jagħti x-xhieda tiegħu fil-każ.
Borg baqa’ jinżamm arrestat u l-Prosekuzzjoni ntalbet tippreżenta x-xhud fis-seduta li jmiss.