Matthew Vassallo ta’ 29 sena mill-Birgu wieġeb mhux ħati wara li allegatament gara barmil mimli żebgħa lejn il-bini tal-LESA fil-Fgura.
Huwa qed jiġi akkużat li wettaq reat ta’ natura volontarja, li kkawża biża’ li se tintuża vjolenza kontra persuni, li huwa reċidiv, li kiser il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest minn sentenza preċedenti u li libes maskra fil-pubbliku meta mhux suppost.
Minn naħa tagħha, il-Prosekuzzjoni spjegat li rċiviet rapport mil-Lesa li twaddbet xi żebgħa lejn l-uffiċju tal-LESA fil-Fgura. Il-prosekuzzjoni qalet li l-akkużat inqabad wara li ġew evalwati filmati minn Kameras tas-sigurtà.
L-avukati tal-imputat Franco Debono u Marion Camilleri saħqu li r-reat minnu nnifsu ma’ nvolviex aggressjoni lejn ebda persuna. Huma sostnew li għandu jingħata l-ħelsien mill-arrest hekk kif l-evidenza hija preservata u m’hemmx il-biża li tiġi mbagħbsa. Huma sostnew ukoll li l-akkużat għandu impjieg bħala delivery person.
Il-Maġistrat Abigail Critien ma’ laqatx it-talba tal-ħelsien mill-arrest hekk kif qalet li r-reati huma serji u li hemm persuni oħra li jridu jixhdu.
L-Ispettur Gabriel Kitcher mexxa l-Prosekuzzjoni.