Emmanuel Borg ta’ 61 sena mill-Mellieħa inżamm arrestat wara wieġeb mhux ħati li qabad martell u beda jagħti lil martu daqqiet bih f’rasha u f’wiċċha.
Huwa ġie akkużat bl-attentat ta’ qtil ta’ martu Doris Borg ta’ 61 sena. Il-każ seħħ nhar it-Tnejn li għadda fid-dar tal-familja li tinsab fil-Mellieħa.
ONE News jinsab infurmat li kawża tad-daqqiet li qalgħet, il-vittma għamlet xi ħin fil-periklu tissielet għall-ħajjitha. Il-mara għadha qed tinżamm l-isptar Mater Dei fejn qed isofri minn ġrieħi serji.
Fl-awla l-akkużat daħal ma’ xi qraba, fosthom in-neputija tiegħu li dehret imbikkma. Huwa qal li huwa pensjonant minkejja li jaħdem fir-raba’.
L-Ispettur Clayton Camilleri qal li t-Tnejn il-pulizija ġiet infurmata li l-akkużat sawwat li martu u kellha tittieħed l-isptar fejn ġiet iċċertifikata li kienet qed issofri minn ġrieħi serji. Huwa qal li l-pulizija arrestat lill-akkużat fejn ammetta li darab serjament lil martu.
L-Ispettur qal li tfal ma jridux jaf b’missierhom wara dan l-inċident. Qal li t-tifel tal-koppja għen lil ommu tipprova toħroġ mid-dar wara li qalgħet id-daqqiet mill-akkużat.
Id-difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest bil-qorti ppreseduta mill-Maġistrat Natasha Galea Scibberas tordna li l-akkużat jinżamm arrestat.
Il-Maġistrat ħarget Ordni ta’ protezzjoni fil-konfront tal-vittma u tat ir-rekomandazzjoni lid-Direttur tal-Ħabs sabiex akkużat jinżamm fil-forensic unit f’Monte Karmeli.