Raġel mingħajr indirizz fiss u impjieg, baqa’ jinżamm arrestat, wara li wieġeb ħati għall-akkużi ta’ serq minn fuq bajja, f’San Ġiljan.
Iż-żagħżugħ, li għandu 25 sena, deher fil-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Victor Axiaq, mixli li seraq żewġ turisti, wara li heddidhom sabiex jagħtuh dak kollu li kellhom.
It-turisti ma semmew ebda armi fir-rapport tagħhom, filwaqt li l-imputat irnexxielu jisraq madwar mitt ewro.
Huwa ammetta wkoll li żamm lill-vittmi kontra l-volontà tagħhom, u li jgħix ħajja t’għażż, fost l-oħrajn.
Il-każ ġie diferit għal nhar l-Erbgħa, fejn il-Maġistrat se jagħti wkoll is-sentenza tiegħu.