Claudio Mallia t’40 sena li joqgħod il-Belt inżamm arrestat wara li ġie akkużat li seraq minn magni tal-flus f’żewġ pompi tal-petrol.
Il-prosekuzzjoni spjegat li l-akkużat seraq minn pompa tal-petrol fi Triq Valletta f’Ħal Luqa bejn id-9 u l-14 ta’ Frar u minn pompa oħra fi Triq Ħal Luqa f’Ħal Qormi bejn is-16 u s-17 ta’ Marzu. Mallia ġie mixli wkoll li fiż-żewġ ċirkostanzi wettaq €250 fi ħsarat.
Il-Qorti xliet lil Mallia wkoll li fis-16 ta’ Mejju nstabitlu droga kokaina u eroina. L-Ispettur spjega li l-imputat inqabad wara li l-Pulizija nnotat karozza suspettuża u waqqfitha. Mallia nqabad bi 15-il gramma f’60 pakkett kif ukoll b’€1,200 fi flus kontanti.
Id-difiża qalet li l-akkużat ikkopera ħafna mal-Pulizija. Qalet, li għandu vizzju tal-eroina u l-kokaina u li għandu bżonn l-għajnuna. B’hekk, qalet li l-imputat għandu bżonn il-libertà b’kundizzjoni biex ikun jista’ jfiq.
Il-Maġistrat Marseanne Farrugia, madankollu, qalet li l-imputat ma joffrix serħan tal-moħħ li mhux se jikkommetti reat ieħor. Għaldaqstant, ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest, u ordnat ordni ta’ superviżjoni u li jinżamm taħt probation.