Raġel inżamm arrestat wara li kiser l-ordnijiet tal-ħelsien mill-arrest mgħotija lilu fil-11 a’ Ottubru li għadda. L-imputat li ismu ma jistax jixxandar għamel telefonati ta’ theddid lill-eks sieħba tiegħu. Fil-Qorti l-imputat qal li tlett ijiem wara l-ewwel każ, l-eks sieħba għamlet kuntatt miegħu sabiex jirranġaw id-differenzi ta’ bejniethom fejn saħansitra ftemu sabiex jiltaqgħu. Minkejja li ffissaw ġurnata, l-allegat vittma iddeċidiet li toħroġ ma’ ħabiba tagħha u bdiet iċċempel lill-akkużat. Kien hemm li l-akkużat mar fir-residenza tal-eks sieħba tiegħu fejn ħadilha l-kard tal-internet u allegatament għamillha telefonati ta’ theddid.
L-imputat wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih bid-difiża talbet lill-Qorti sabiex jiġi appuntat espert tekniku biex tinġabar l-informazzjoni mit-telefon ċellulari tal-partijiet- lhiema talba intlaqgħet. Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Melvyn Camilleri.