Shaun Ray Belli ta’ 27 sena li joqgħod il-Fgura ma ngħatax il-ħelsien mill-arrest wara li wieġeb mhux ħati li segwa l-passi u ffastidja lis-sieħba tiegħu wara li ttanta jonsobha b’messaġġi anonimi ta’ theddid.
Il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur Jonathan Ransely qalet li Belli mar mas-sieħba tiegħu jirrapporta l-għassa l-messaġġi li kienet qed tirċievi l-vittma. Iżda mill-investigazzjoni tal-pulizija ħareġ li dawn kienu qegħdin jintbagħtu minnu biex jipprova jonsobha. Id-difiża talbet għall-ħelsein mill-arrest u qalet li l-messaġġi ntbagħtu għax ried li l-mara tmur tgħix miegħu.
Il-Maġistrat Joe Mifsud sostna li l-vjolenza morali ddum aktar biex tfiq u sostna li ma nistgħux nilagħbu bil-ħsus tan-nies. Waqt li ordna divjett fuq l-isem il-vittma, ċaħad it-talba għall-ħelsien mill-arrest.