Libjan li kien qed japplika għal Passaport Franċiż qed jinżamm arrestat wara li l-Ġimgħa li għadda darab Pulizija wara li beda jaġixxi taparsi waddab bomba fid-direzzjoni tal-ambaxxata Franċiża.
Aimen Mohamed Abdallah Ali ta’ 38 sena pprova jaħrab mill-awla tal-Qorti meta t-Tnejn filgħodu tela’ jaffaċċja l-akkużi quddiem il-Maġistrat Yana Micallef Stafrace.
Kien hawn fejn numru mdaqqas ta’ Pulizija li kienu fil-bini tal-Qorti kellhom iżommu lir-raġel mal-art barra mill-awla sakemm ġie mmanetjat u reġa ddaħħal quddiem il-Maġistrat.L-Ispettur Priscilla Caruana Lee li mexxiet il-prosekuzzjoni spjegat kif fil-ġimgħat li għaddew il-Libjan kien qed jaġixxi stramb quddiem l-istess ambaxxata li tinsab fi Triq Melita il-Belt Valletta.
Fost l-akkużi miġjuba kontrih hemm ukoll li rreżista l-arrest u kiser subgħajn Pulizija li kienet għassa mal-ambaxxata waqt li kienet qed tipprova tarrestah. Abdallah qed jiġi akkużat ukoll li rrifjuta jagħti d-dettalji tiegħu u li kiser il-paċi pubblika.
Il-prosekuzzjoni qalet ukoll li l-Libjan allegatament huwa tabib u li skont hu huwa dixxendent tal-eks mexxej Libjan Muammar Gaddafi.
Wara li rat l-atteġjament tar-raġel il-Qorti ordnat Psikjatra sabiex jevalwa l-istat mentali tar-raġel kif ukoll ordnat li għalissa għandu jibqa’ jinżamm arrestat fit-taqsima forensika tal-isptar Monte Karmeli.