Raġel ta’ 33 sena mill-Ħamrun inżamm arrestat wara li tressaq il-Qorti mixli bi trafikkar u pusses ta’ droga, fost oħrajn ta’ 142 kaspola allegata kokaina f’karozza li kien qed isuq fil-Fgura, kif ukoll bi 11.5 kilo ħaxixa suspetta kannabis.
L-Ispettur Kevin Pulis mill-Iskwadra ta’ kontra d-droga spjega kif l-arrest seħħ it-Tlieta waranofsinhar, wara suspett li l-Pulizija kellha li Axisa seta qed jittrafika d-droga. Fil-fatt hi waqfitu fil-Fgura. L-Ispettur Pulis spjega wkoll li ż-żagħżugħ ikkopera mal-Pulizija tant li waslet biex interċetat 11 il-kilo oħra droga.
Id-difiża mmexxija mill-Avukat Martha Mifsud talbet għal ħelsien mill-arrest, dan għal fatt li ż-żagħżugħ għadu preżunt innoċenti. Madankollu l-Prosekuzzjoni qalet li l-ħelsien mill-arrest se jxekkel l-investigazzjonijiet tal-Pulizija li għad trid tistabbilixxi l-involviment ta’ terzi persuni f’dn iċ-ċirku ta’ traffikar ta’ droga. Qal kif sa llum għadu ma ġiex determinat minn fejn ġiet il-11-il kilo droga.
Il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Josette Demicoli ma’ laqgħetx it-talba għal ħelsien mill-arrest, u għalhekk Axisa se jinżamm arrestat fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.
B’rabta ma’ dan il-każ tressaq ukoll Tomslav Hegegedus ta’ 27 sena mill-Mosta, li ġie akkużat li kien il-persuna li qed jikkordina dan l-allegat traffikar ta’ droga. L-Ispettur Kevin Pulis qal ukoll li dan kien jagħti struzzjonijiet lil terzi persuni biex jittrafikaw id-droga.
Id-difiża mmexxija mill-Avukati Mario Mifsud u Franco Debono talbet għal ħelsien mill-arrest. Qalet li l-unika prova dwar l-akkużat, hi stqarrija li tgħatt terza persuna. Madankollu l-Ispettur Kevin Pulis spjega kif l-imputat ma kkoperax mal-Pulizija, u żamm fommu sieket waqt l-investigazzjonijiet. Il-Maġistrat Josette Demicoli ċaħdet il-ħelsien mill-arrest u l-imputat se jinżamm arrestat fil-Faċilita Korettiva ta’ Kordin.