Gregory Carabott ta’ 32 sena minn Marsaxlokk baqa’ jinżamm arrestat wara li ġie mixli bi traffikar tad-droga.
Il-Prosekuzzjoni spjegat kif Carabott ġie arrestat it-Tnejn filgħaxija waqt operazzjoni li saret mill-Pulizija mill-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga, b’rabta ma’ traffikar u importazzjoni tad-droga lejn Malta minn Sqallija.
Il-Pulizija kienu qegħdin isegwu l-movimenti ta’ dinghy.
Kien għall-ħabta tas-7pm x’ħin il-Pulizija ċċirkondaw id-dinghy hekk kif trakka ma’ moll f’Dellimara.
Fuq id-dinghy kien hemm ir-raġel u, minn tfittxija li saret, instabu erba’ kilo kannabis, li l-valur fit-triq tagħhom ilaħħaq iktar minn €100,000.
L-akkużat wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih.
Id-difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest, liema talba ġiet miċħuda mill-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat tal-Għassa Caroline Farrugia Frendo għaliex iridu jixhdu xhieda pajżana f’dan il-każ u minħabba biża’ li jaħrab mill-pajjiż.
REKLAM
SKROLLJA BIEX TKOMPLI