Melvin Nunes, Olandiż ta’ 36 sena, baqa’ jinżamm arrestat wara li t-Tlieta inqabad b’droga suspettata kokaina marbuta mal-parti tiegħu.
Huwa ġie akkużat b’importazzjoni ta’ droga l-Erbgħa filgħodu hekk kif tressaq il-Qorti quddiem il-Maġistrat Elaine Mercieca.
L-Ispettur tal-Prosekuzzjoni Marshall Mallia, spjega kif r-raġel ġie arrestat kmieni t-Tlieta filgħodu għall-ħabta tan-nofs siegħa wara li wasal fl-ajruport minn Brussel. Hawn il-Pulizija sabet fuqu pakkett żgħir bil-kannabis li l-imputat spjega kif kienet għall-użu personali tiegħu.
Madankollu wara tfittxija sew fuq persuntu, il-Pulizija skopriet mal-mitejn gramma kokaina marbuta mal-parti tiegħu permezz ta’ tejp. Fil-fatt wara, waqt l-interrogazzjoni, l-imputat ammetta li din mhux l-ewwel darba li għamel dan it-tip ta’ xogħol.
Quddiem il-Qorti, Nunes wieġeb mhux ħati u ma talabx għall-ħelsien mill-arrest.
Il-prosekuzzjoni talbet ukoll għal ordni tal-iffriżar tal-assi, liema talba ġiet milqugħa.
L-imputat baqa’ jinżamm arrestat.