Ġuvni ta’ 19-il sena mis-Somalja ma wiġibx jekk hux ħati jew le meta tressaq il-Qorti akkużat li rreżista l-arrest u li tela’ fuq proprjetà ta’ xi ħaddieħor sabiex jaħrab mill-Pulizija.
Jgħajjat u jinterrompi waqt il-proċeduri fil-Qorti, Ahmed Abduwili saħansitra anke ta daħru lill-Maġistrat waqt li kien akkużat ukoll b’serq u li kkawża ħsara fi proprjetà ta’ individwi oħra.
Għalkemm il-Qorti għamlet dak kollu li tista’ sabiex tikkomunika ma’ Ahmed, fejn anke qabbdet interpretu, iżda dan kien kollu ta’ xejn. Kien għalekk li l-Qorti ddeċidiet li r-risposta tal-akkużat hi dik ta’ mhux ħati.
Il-ġuvni nżamm arrestat wara li l-Prosekuzzjoni spjegat kif meta ttieħed l-isptar Monte Carmeli biex jiġi eżaminat, irriżulta li hu pprova jiddikjara li hu marid sabiex jevita akkużi kriminali.