Emanuel Abela ta’ 50 sena ġie akkużat li kiser il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest mogħtija mill-Qorti fl-2018.
Fil-Qorti, il-Ħadd filgħodu nstema’ kif Abela kien ordnat li jiffirma fl-għassa tal-lokalità tiegħu, iżda dan naqas milli jagħmel dan minn Settembru tal-2020. Dan naqas ukoll milli jidher fil-Qorti meta ġie msejjaħ.
Fl-awla nstema’ kif Abela reġa ġie arrestat fil-15 ta’ Diċembru tal-2020 meta dan mar biex jemenda l-karta tal-identita tiegħu f’uffiċċju tal-Identity Malta. Għal raġunijiet ta’ saħħa, l-imputat ittieħed fl-isptar ta’ Monte Carmeli għall-kura medika.
Hekk kif kien meħlus mill-isptar, Abela reġa ġie arrestat. L-akkużat se jinżamm fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin. Il-Qorti rrakomandat li jiġi miżmum fit-taqsima forensika tal-faċilità korrettiva u huwa se jitħalla jikkomunika ma’ ħaddiema tal-aġenzija Caritas rigward il-possibiltà ta’ programm ta’ rijabilitazzjoni.
Dan il-każ se jkompli jinstema fil-11 ta’ Jannar fin-12:30pm.