Ilpo Lalli ta’ ħamsa u tletin sena mill-Iżvezja nżamm arrestat, hekk kif wieġeb mhux ħati li stupra lill-eks sieħba tiegħu, kif ukoll li għajjarha u heddidha.
Fil-Qorti nstema’ li l-għassa tal-Pulizija tal-Qawra kienu infurmati bl-allegat stupru meta l-vittma rrappurtat. Hija kienet sostniet li marret fl-appartament tal-imputat biex tieħu xi affarjiet tagħha, iżda ma setgħetx tiftaħ il-bieb biex toħroġ.
Qalet li meta l-Pulizija waslu l-appartament, qaltilhom li aktar kmieni dakinhar ġiet stuprata.
It-talba tal-ħelsien mill-arrest ġiet oġġezzjonata mill-Prosekuzzjoni, sabiex tiġi protetta l-allegata vittma li għad trid tixhed. Intqal ukoll li wara l-allegat stupru, l-akkużat mexa wara l-mara meta marret l-għassa.