Kevin Borg ta’ 40 sena mill-Ħamrun baqa’ jinżamm arrestat wara li tressaq il-Qorti akkużat bi vjolenza domestika fuq ommu.
Borg li jgħix m’ommu u ma jaħdimx ġie mixli li uża l-vjolenza fil-konfront tagħha bil-konsegwenza li kkawżala biża’ minħabba li ħebb jew għamel ħsara lill-allegat vittma.
Huwa ġie mixli wkoll mill-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur Omar Zammit li kiser ukoll il-kundizzjonijiet ta’ libertà proviżorja imposti fuqu mill-Qorti f’każ preċedenti, filwaqt li rrenda ruħu riċediv.
L-imputat wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih filwaqt li permezz tad-difiża tiegħu, għamel talba għall-ħelsien mill-arrest.
Hawnhekk id-difiża tal-imputat argumentat li r-raġel jista’ jmur jgħix ma’ missieru. Il-Maġistrat tal-Għassa talbet biex missieru ikun ikkuntattjat jekk jistax jgħix miegħu.
Madanakollu, invista tal-fedina penali kkulurita tal-imputat u l-fatt li għad trid tixhed l-allegat vittma, il-Qorti ma laqgħetx din it-talba u għaldaqstant żammet lil Borg taħt arrest.