Raġel spiċċa miżmum arrestat wara li poġġa theddid fuq il-ħajja ta’ numru ta’ uffiċjali tal-Korpi tal-Pulizija ftit wara li nħeles fuq bail dwar reati simili.
Ir-raġel ta’ 43 sena, ta’ nazzjonalita’ Sirjana residenti Raħal Ġdid, tressaq il-Qorti dalgħodu akkużat li għamel użu ħażin ta’ apparat ta’ kommunikazzjoni u li hedded l-Ispettur tal-Pulizija Roderick Agius.
Ir-raġel, li ismu ma ġiex imxandar fuq ordni tal-Qorti, tressaq il-Qorti madwar sitt ijiem ilu fuq akkużi simili ta’ theddid fuq is-Supretendent Cassar u l-Ispettur Hubert Cini. Dwar dak il-każ ir-raġel wieġeb mhux ħati fejn ingħata l-ħelsien mill-arrest.
Iżda ġara li hu ma tgħallimx u reġa’ rrepeta dak li għamel, bil-konsegwenza li spiċċa arrestat.
Il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Claire Stafrace Zammit ġiet ippreżentata b’seba’ paġni ta’ posts fuq Facebook li allegatament tpoġġew mill-akkużat. Dan hekk kif ingħad li x’aktarx l-akkużat kien qed jagħmel użu minn tliet profili tal-Facebok, bi tnejn minnhom ikunu profili foloz b’identita’ ta’ żewġ nisa.
Kif semgħet dak li kellha xi tgħid il-prosekuzzjoni , il-Qorti ma laqgħetx it-talba għall-ħelsien mill-arrest fejn ħadet inkonsiderazzjoni l-fatt li l-akkużat jaf għandu kundizzjonijiet psikjatriċi, ordnat li jinżamm fis-sezzjoni Forenżika tal-Isptar Monte Carmeli. Dan sabiex isir assessjar tas-saħħa mentali tiegħu.