Raġel ta’ 38 sena minn Bormla nżamm arrestat wara li tressaq il-Qorti akkuża li għedded u agredixxa mara waqt argument vjolenti.
Fil-Qorti ġie spjegat kif il-Pulizija kienu msejħa għal inċident f’Bormla li kien jinvolvi lil missier l-imputat u s-sieħba tiegħu.
Fil-fatt l-Ispettur Colin Sheldon spjega kif l-imputat Stefano Montebello allegatament hedded li se jaħraq l-annimali tal-vittmi filwaqt li jisparalhom b’air gun. Fl-argument Sheldon spjega wkoll li l-imputat hedded lill-mara filwaqt li kkawża ħsara fil-mowbajl tagħha.
Min naħa tieħgu l-Avukat tad-Difiża Mario Caruana spjegat li l-imputat kellu jittieħed l-isptar wara li sofra concussion kawża ta’ daqqa ta’ tazza mill-vittma. Il-Prosekuzzjoni rribattiet li Montebello ġie arrestat wara li hedded li se jagħmel straġi.
Quddiem dan kollu l-Qorti ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest filwaqt li huwa mifhum li l-Pulizija se jipproċedu b’akkużi kontra l-mara.