Żagħżugħ li jaħdem fil-kostruzzjoni nżamm taħt arrest wara li ġie akkużat li hedded l-eks għarus tas-sieħba tiegħu onlajn.
Albert Schembri ta’ 26 sena minn Birżebbuġa wieġeb mhux ħati meta ġie akkużat li għamel użu ħażin minn apparat elettroniku ta’ komunikazzjoni, li kkawża biża’ lil raġel ieħor li se jkun qed iwettaq atti ta’ vjolenza, li t fastidju lir-raġel u li kien riċediv.
L-Ispettur Charlotte Curmi staqsiet fil-Qorti biex toħroġ ordni ta’ protezzjoni favur il-vittma, dejjem jekk il-verdett joħroġ li l-akkużat hu ħati.
Il-Maġistrat Joe Mifsud innota kif każijiet ta’ dawn it-tip qed jiżdiedu, b’mod partikolari permezz tal-użu tat-teknoloġija.
Minkejja li kien hemm qbil min-naħa tal-prosekuzzjoni u kif ukoll min-naħa tad-difiża li l-akkużat għandu jinħeles mill-arrest, il-Qorti ma laqatx it-talba tal-ħelsien mill-arrest fejn ġie sostnut li l-akkużat għandu bżonn jingħata ż-żmien biex jirrifletti fuq l-imġieba tiegħu, dan hekk kif dan mhux l-ewwel darba li ġie akkużat b’akkużi ta’ dan it-tip.