Alan Grech ta’ 43 sena minn San Pawl il-Baħar, qed jinżamm arrestat wara li tressaq il-Qorti akkużat li darab żewġ uffiċjali tal-Pulizija waqt il-qadi ta’ dmirijiethom.Dan meta kmieni t-Tnejn filgħodu ssejħu biex jinvestigaw storbju li allegatament qajjem l-imputat stess, f’bar fil-Marsa.
L-Ispettur Wayne Camilleri xehed kif meta l-imputat ra lill-Pulizija fil-bar ma kkoperax, u meta ppruvaw jarrestawh, irreżista bil-konsegwenza li darabhom ħafif.
Eventwalment huwa ġie mmanettjat u ttieħed fl-Għassa tal-Ħamrun. Fil-Qorti l-akkużat ġie mixli li darab ħafif lil żewġ uffiċjali tal-Pulizija, li saq mutur mingħajr liċenzja u assigurazzjoni, li m’obdiex l-ordnijiet mogħtija lilu mill-Pulizija, u li kiser il-paċi pubblika.
Akkużi li għalihom, bil-kuruna tar-rużarju f’idejh, l-akkużat wieġeb mhux ħati. Wara li l-Qorti qieset diversi ċirkostanzi – fosthom il-mewt riċenti ta’ omm l-akkużat, ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest hekk kif f’dan l-istadju għadha mhix konvinta li l-akkużat ma jerġax iwettaq reat ieħor jekk jinħeles mill-arrest.