Il-Qorti ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest lil raġel li allegatament ħebb u weġġa’ ħafif lil martu s-Sibt li għadda.
Il-każ instema’ quddiem il-Maġistrat Victor Axiaq. L-akkużat, Sirjan, ġie mixli li ħebb għal martu u kkawżalha ġrieħi ħfief, li għamel ħsara fuq il-karozza taz-zija tal-vittma, u li saq b’mod traskurat u perikoluż waqt li kien taħt l-influwenza tal-alkoħol.
L-Ispettur Audrey Micallef stqarret li s-Sibt għall-ħabta tas-seba’ ta’ filgħaxija daħal rapport għand it-Taqsima tal-Vjolenza Domestika fi ħdan il-Korp tal-Pulizija mill-vitma li r-raġel tagħha li kien qiegħed isuq il-karozza ta’ zitha u li kienet waqfitlu.
Il-vittma marret fuq il-post permezz ta’ taxi u kif waslet nnotat riħa qawwija ta’ alkoħol fuq l-imputat. Il-vittma nnotat ukoll li l-karozza kellha ammont ta’ daqqiet iżda meta staqsiet lill-imputat x’kien ġara, huwa qabad lill-vittma minn xagħarha u ħabbtilha rasha mal-karozza għal numru ta’ drabi.
Ir-residenti li kienu fil-madwar għamlu rapport għand il-Pulizija u aktar tard il-mara ġiet iċċertifikata li sofriet minn ġrieħi ħfief.
L-akkużat wieġeb li mhux ħati iżda t-talba għall-ħelsien mill-arrest ma ntlaqgħetx fuq il-bażi tal-fatt li l-vittma u l-akkużat għandhom tfal żgħar, u allura l-omm għandha tkun preżenti magħhom fl-istess residenza f’każ ta’ ħelsien mill-arrest u minħabba biża’ tat-tbagħbis tal-provi.
Fil-Qorti tressqet talba għall-divjett fuq isem l-imputat biex jitħarsu l-interessi tat-tfal tal-koppja.