Manoj Kumar, Indjan t’40 sena nżamm arrestat wara li tressaq il-Qorti akkużat li l-Ġimgħa ħebb għal raġel ieħor li jgħix miegħu fi Triq Wied Għomor, f’San Ġiljan
Fil-Qorti instema’ kif l-akkużat weġġa’ lil vittma wara li kellhom argument relatat mal-ikel.
Il-Prosekuzzjoni immexxija mill-Ispettur Sherona Buhagiar spjegat li kien l-allegat vittma li għamel rapport mal-Pulizija. Ġie spjegat ukoll li l-argument allegatament qam meta l-akkużat kiel l-ikel tal-vittma. Minħabba f’hekk ġew fl-idejn u tah daqqiet ta’ xkupa b’riżultat li kisirlu wkoll kustilja.
L-akkużat wieġeb mhux ħati għal l-akkużi miġjuba kontrih.
Għalkemm l-avukat difensur, Joseph Bonnici talab għall-ħelsien mill-arrest, il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Victor Axiaq, qalet li mhix konvinta li l-akkużat kapaċi josserva l-kundizzjonijiet kollha tal-libertà provviżorja u b’hekk żammitu arrestat.