Mutlak Mohamed, Sirjan ta’ 32 sena nżamm arrestat wara li tressaq il-Qorti akkużat li ġarr strument jaqta’ u bil-ponta fil-pubbliku mingħajr il-permess, li kiser il-paċi pubblika u li ma kienx liebes il-maskla.
L-Ispettur Roderick Attard spjega li l-akkużat ġie arrestat wara li daħal rapport l-għassa tal-Ħamrun li fi Triq il-Kbira San Ġużepp kien hemm raġel konfuż, bla flokk u b’sikkina mdaqqsa f’idu. Spjega kif mal-wasla tagħhom fuq il-post pulizija rnexxielu joħodlu s-sikkina minn idu. Hawnhekk fil-Qorti, huwa wera borża tal-karti kbira bis-sikkina fiha.
Fil-Qorti l-akkużat wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih hekk kif stqarr li huwa ma jiftakar xejn.
L-Avukat tal-għajnuna legali Martha Mifsud stqarret li minħabba li l-akkużat m’għandux residenza fissa hija mhux ser tkun qed titlob il-ħelsien mill-arrest. Għalhekk baqa’ jinżamm arrestat.