Lyon Bonnici ta’ disgħa u għoxrin sena li joqgħod il-Furjana inżamm arrestat wara li tressaq il-Qorti akkużat li kellu fil-pussess tiegħu eroina li ma kinitx għall-użu esklussiv tiegħu.
Fil-Qorti, il-prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispetturi Jeffrey Scicluna u Priscilla Caruana spjegaw kif l-akkużat kien twaqqaf mill-pulizija fis-siegħa ta’ filgħodu tat-tnejn u għoxrin ta’ Jannar, u fi tfittxija fil-karozza tiegħu instab ammont ta’ droga.
Innutaw li hekk kif ġie infurmat li kien se jiġi arrestat, Bonnici ħarab bil-karozza minn fuq il-post, u ġie arrestat mill-pulizija jumejn wara.
Għaldaqstant, flimkien ma’ akkużi ta’ pussess ta’ eroina u kannabis, fil-Qorti ġie akkużat ukoll li naqas milli jobdi ordnijiet leġittimi tal-pulizija, li hu reċediv u li kiser il-kundizzjonijiet ta’ sentenza sospiża.
Fil-Qorti r-raġel wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrieh, u l-avukat tiegħu Franco Debono qal li l-klijent tiegħu ħarab għax ippanikkja, u meta ġie arrestat kien fi triqtu għall-għassa tal-pulizija.
Il-Qorti mmexxija mill-Maġistrat Joseph Mifsud ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest minħabba l-fatt li r-raġel ħarab mill-arrest tal-Pulizija.